Il-KUNSILL TA’ L-EWROPA
IR-RAKKOMANDAZZJONI Nu. R(89)12
TAL-KUMITAT TAL-MINISTRI LILL-ISTATI MEMBRI
DWAR L-EDUKAZZJONI FIL-ĦABS

(Addottat mill-Kumitat tal-Ministri nhar it-13 ta’ Ottubru 1989 waqt l-429 laqgħa tad-Deputati tal-Ministri)


Il-Kumitat tal-Ministri, skond it-termini ta’ l-Artiklu 15.b ta’ l-Istatut tal-Kunsill ta’ l-Ewropa –
 

  • Meta wieħed jikkunsidra li d-dritt għall-edukazzjoni hu fundamentali;
     
  • Meta wieħed jikkunsidra l-importanza ta’ l-edukazzjoni fl-iżvilupp ta’ l-individwu u tal-komunità;
     
  • Meta wieħed jikkunsidra li parti kbira tal-priġunieri ftit li xejn kellhom esperjenza edukattiva ta’ suċċess, u għaldaqstant issa jista’ jkun li għandhom aktar ħtiġijiet edukattivi;
     
  • Meta wieħed jikkunsidra li l-edukazzjoni fil-ħabs tgħin biex il-ħabsijiet jirrispettaw il-bniedem u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni;
     
  • Meta wieħed jikkunsidra li l-edukazzjoni fil-ħabs hi mezz importanti kif jitħaffef ir-ritorn tal-priġunier fil-komunità;
     
  • Meta jitwettqu ċerti drittijiet u miżuri skond ir-rakkomandazzjonijiet t’hawn taħt, tista’ ġġustifikata d-distinzjoni bejn priġunieri miżmuma l-ħabs biex jgħaddu l-piena u priġunieri li huma miżmuma biss il-ħabs;
     
  • Fl-isfond tar-Rakkomandazzjoni Nu. R(87)3 fuq ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabs u r-Rakkomandazzjoni Nu. R(81)17 fuq il-Politika Dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti,
    – tħeġġeġ lill-gvernijiet ta’ l-istati membri biex iwettqu politiki li jirrikonoxxu dan li ġej:
     
  1. Il-priġunieri kollha għandu jkollhom aċċess għall-edukazzjoni, li hi mistennija li tikkonsisti minn suġġetti ta’ l-iskola, edukazzjoni vokazzjonali, attivitajiet kreattivi u kulturali, edukazzjoni fiżika u sport, edukazzjoni soċjali u faċilitajiet ta’ librerija;
     
  2. L-edukazzjoni lill-priġunieri għandha tkun bħall-bqija ta’ l-edukazzjoni għall-gruppi ta’ l-istess età fid-dinja ta’ barra l-ħabs, u l-medda ta’ l-opportunitajiet għall-priġunieri għandha tkun wiesa’ kemm jista’ jkun;
     
  3. L-għan ta’ l-edukazzjoni fil-ħabs għandu jkun l-iżvilupp tal-persuna b’mod sħiħ, b’referenza partikulari għall-kuntest soċjali, ekonomiku u l-kulturali;
     
  4. Dawk kollha involuti fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-ħabs u l-immaniġjar tal-ħabs għandhom kemm jista’ jkun iħaffu u jirfdu l-edukazzjoni;
     
  5. Fil-ħabs l-edukazzjoni għandha tkun stmata xejn inqas mix-xogħol, u l-priġunieri ma għandhom jitilfu xejn finzanzjarju jew mod ieħor ta’ kumpens għax jieħdu sehem fi programmi edukattivi;
  6. Għandu jsir kull sforz biex il-priġunieri jipparteċipaw b’mod attiv fl-aspetti kollha ta’ l-edukazzjoni;
     
  7. L-edukaturi li jaħdmu fil-ħabsijiet għandu jkollhom programmi ta’ żvilupp sabiex jaddottaw metodi ta’ l-edukazzjoni għall-adulti xierqa;
     
  8. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-priġunieri b’diffikultajiet partikulari, u b’mod specjali dawk bi problemi fil-qari u l-kitba;
     
  9. L-għan ta’ l-edukazzjoni vokazzjonali għandu jkun l-iżvilupp ta’ l-individwu, fil-waqt li tintwera sensittività għall-ħtiġijiet tas-suq;
     
  10. Il-priġunieri għandu jkollhom aċċess għal librerija fornuta sew minn ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa;
     
  11. L-edukazzjoni fiżika u l-isport għall-priġunieri għandhom ikunu emfasizzati u mħeġġa;
     
  12. L-attivitajiet kreattivi u kulturali jistħoqqilhom li jkollhom sehem importanti għax dawn għandhom potenzjal partikulari biex jgħinu lill-priġunieri jiżviluppaw u jesprimu ruħhom;
     
  13. L-edukazzjoni soċjali għandu jkollha elementi prattiċi li bis-saħħa tagħhom il-priġunieri jkunu jafu jqassmu tajjeb il-ħajja tagħhom fil-ħabs, bil-għan li jitħaffef il-proċess tar-ritorn fis-soċjetà;
     
  14. Sa fejn hu possibbli, il-priġunieri għandhom jitħallew jipparteċipaw fl-edukazzjoni barra mill-ħabs;
     
  15. Fejn l-edukazzjoni jkollha ssir fil-ħabs, kemm jista’ jkun għandha tkun involuta l-komunità barra mill-ħabs;
     
  16. Għandu jsir kull sforz biex il-priġunieri jkomplu l-edukazzjoni tagħhom ġaladarba jinħelsu;
     
  17. Għandhom ikun ipprovduti l-fondi, l-apparat u l-għalliema meħtieġa, sabiex il-priġunieri jirċievu edukazzjoni xierqa.

Disclaimer:
The translated text is not official.
For an official, juridical reference use the English or French version.